Jinħela proġett ġenjali Malti minħabba burokrazija żejda

L-Inġinier u idrologu, Marco Cremona, iddikjara pubblikament li mhux se jibqa’ jipprova aktar biex il-proġett ġenjali tiegħu relatat mad-drenaġġ u l-ilma jvarah fuq skala industrijali f’Malta, wara li l-burokrazija ħallietu jistenna 7 snin.
Cremona, li hu wkoll wieħed mill-fundaturi tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ilma, kien fassal apparat tal-ewwel xorti tiegħu fid-dinja, li jibdel id-drenaġġ f’ilma tajjeb għax-xorb.
Il-proġett, jismu HOTER, kien immirat l-aktar għal-lukandi, u fil-fatt Cremona kien ġie kkuntattjat minn lukanda li xtaqet tuża l-ilma rriċiklat tiegħu.
Dan kien fl-2011, ħames snin wara t-twelid tal-idea tiegħu.
Madankollu fuq Facebook Cremona qal li minn dakinhar bdewlu l-problemi mal-burokrazija meta mar biex japplika għal liċenza mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.

Fil-post elenka numru ta’ testijiet li saru fuq l-ilma pproessat, li kollha wrew li kien ilma tajjeb u sigur, dikjarazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea li m’hemm xejn illegali fl-attività tiegħu, u bosta u bosta laqgħat.
Sa jumejn ilu Cremona kien għadu jistenna, iżda issa qal li qata’ qalbu.
Jgħid li wasal għall-konklużjoni li Malta għadha mhix lesta għal ideat innovattivi, u jemmen li l-awtoritajiet jippreferu li min joħroġ b’dawn l-ideat imur jizviluppahom barra, anzi jarawhom bħala theddida.
Meta HOTER sar magħruf, Cremona kiseb ir-rispett ta’ diversi nies u entitajiet madwar id-dinja, u kien intgħażel bħala wieħed mill-aktar 50 ċittadin interessanti fl-Ewropa, u fl-2012 kien innominat għall-Premju tal-Ilma ta’ Stokkolma, li hu l-ekwivalenti għall-Premju Nobel f’dal-qasam.
Dan minbarra rikonoxximenti oħra li Cremona jsemmi fil-post tiegħu.
Il-post ittemm billi jistqarr li se jidderieġi l-enerġija tiegħu kull fejn jaf li m’hemmx involuti permessi mill-awtoritajiet Maltin.