Jinħatru żewġ kappillani ġodda fil-Gżira u Ħal Għaxaq

Dun Gordon Refalo and Dun Andrew Schembri
Dun Gordon Refalo and Dun Andrew Schembri

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar żewġ kappillani ġodda, wieħed fil-Parroċċa tal-Gżira u ieħor għall-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

L-Arċisqof ħatar lil Dun Gordon Refalo bħala kappillan tal-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Gżira. Dun Refalo twieled Tas-Sliema fit-30 ta’ Novembru 1961. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola ta’ St Joseph, ir-Rabat, u fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara. Kompla bl-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991.

Dun Refalo serva bħala viċi kappillan fil-parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, u wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa tan-Naxxar. Huwa kien kappillan tal-parroċċi ta’ Santa Luċija, l-Ibraġ, is-Swatar u Ħal Luqa. Fl-2017 beda jservi bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.

Il-parroċċa tal-Gżira tiġbor fiha madwar 10,400 persuna.

Intant Mons. Scicluna ħatar lil Dun Andrew Schembri bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, Ħal Għaxaq.

Dun Andrew Schembri twieled fil-11 ta’ Mejju 1989 u trabba Ħal Qormi. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja għand is-sorijiet Agostinjani, Ħal Qormi, u fl-iskola Santa Eliżabetta, Tas-Sliema, u l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin, il-Pietà. Kompla l-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2016.

Dun Andrew serva fil-parroċċa ta’ Ħ’Attard, l-ewwel bħala djaknu u aktar tard bħala viċi kappillan. Kien ukoll direttur spiritwali fil-Kulleġġ Maria Reġina, in-Naxxar.

Il-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq tiġbor fiha madwar 4,700 persuna.