Jinħatru żewġ arċiprieti u kappilan ġodda

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Mark Mallia Pawley u lil Dun Charles Cini bħala arċiprieti, u lil Dun Simon Sciberras bħala kappillan f’parroċċi differenti.

Dun Mark Mallia Pawley nħatar Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Ħad-Dingli. Huwa kien ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju tal-2016, u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli bħala Viċi-Arċipriet.

Dun Charles Cini, li nħatar arċipriet tal-Parroċċa ta' San Publiju l-Furjana, kien ġie ordnat saċerdot fit-28 ta’ Lulju tal- 2002, u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, u fl-2003 beda jservi bħala Viċi-Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Filep, Ħaż-Żebbuġ. Bejn l-2006 u l-2010 serva bħala kappillan fid-Djoċesi ta’ Savona, l-Italja. Wara li ġie lura Malta, serva bħala Viċi-Kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa għal għaxar snin. Fl-2017 inħatar assistent direttur ta’ Dar l-Emigrant.

Dun Simon Sciberras, li nħatar bħala kappillan tal-Paroċċa ta' San Ġużepp l-Imsida, kien ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Lulju tal-1999, u beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp, l-Imsida, fejn serva bħala Viċi-Arċipriet għal erbatax-il sena. Fl-2013 inħatar rettur tal-Knisja ta’ Kristu Rxoxt (Tal-Erwieħ), Ħal Tarxien.