Jinħatru l-membri tal-Kumitati Permanenti tal-Kamra

Il-Parlament illejla approva n-nomini tal-Kumitati Permanenti tal-Kamra kif ukoll ta’ assemblej parlamentari f’diversi oqsma.
Dawn ġew approvati permezz ta’ 16-il mozzjoni li tressqu mid-deputat Laburista Chris Cardona fis-seduta parlamentari tal-lejla.
Dawn il-kumitati jinkludu diversi membri parlamentari ġodda, fosthom id-deputata Laburista Rosianne Cutajar li se tkun qed tmexxi l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet tal-Familja kif ukoll dak tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa l-OSCE.
Byron Camilleri se jkun il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Inter-Parlamentari filwaqt li Glenn Bedingfield se jkun il-kap tad-delegazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.
Il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra se jitmexxa minn Chris Cardona bħala Kap tal-Kamra, flimkien mad-deputati Laburisti Byron Camilleri u Edward Zammit Lewis u dawk Nazzjonalisti David Agius u Mario de Marco.
Il-kandidata tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia se tkun qed isservi fuq il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, li se jitmexxa minn Alex Muscat bħala Chairperson.