Jinħatru 36 uffiċjal korrettiv ġdid

36 rekluta ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala uffiċjali korrettivi wara li temmew erba’ xhur ta’ taħriġ. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern.

Ir-rekluti l-ġodda se jingħaqdu mal-bqija tal-uffiċjali l-oħra li bħalissa qed jorqdu l-ħabs minħabba l-miżuri stretti li daħlu fis-seħħ fil-faċilità bħala mezz ta’ prekawzjoni.

Minħabba l-coronavirus, ma setgħetx issir il-parata ta’ ċelebrazzjoni li s-soltu tkun parti miċ-ċerimonja saret f’ċirkostanzi mhux tas-soltu. 

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri rrimarka kif fost ir-rekluti l-ġodda spikka l-entużjażmu u r-rieda biex jaħdmu tul reklutaġġ li kien wieħed iebes u estensiv. “Hija ħasra li ma stajniex niċċelebraw dan ir-reklutaġġ bħal drabi oħra għax dawn huma lkoll persuni li ddeċidew li jagħtu l-aqwa żmien tal-karriera tagħhom għas-servizz f’post fejn il-pajjiż ukoll għandu bżonnhom,” żied il-Ministru Camilleri.

Huwa qal li l-uffiċjali korrettivi jagħmlu parti mill-Korpi Dixxiplinati u għalhekk għandhom responsabbiltà li jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom anke lil hinn mill-faċilità. Il-Ministru awguralhom l-ikbar suċċess fil-ħidma tagħhom.

F’ċerimonja interna mmexxija mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, l-Kurunell Alexander Dalli, saħaq kif l-uffiċjali għandhom ikunu kburin bil-valuri li tirrappreżenta l-uniformi. Huwa spjega kif minkejja li għadhom rekluti, huma qamu għall-okkażjoni anke jekk għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom.