Jinħatru 2 Assistenti Kummissarji tal-Pulizija

Assistenti Kummissarji Pulizija
DOI - Clifton Fenech

Michael Mallia u Anthony Cassar inħatru bħala Assistenti Kummissarji fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ippreżentaw l-ittra tal-ħatra liż-żewġ Assistenti Kummissarji ġodda. Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Korp Angelo Gafà u uffiċjali għolja tal-Korp.

Newsbook.com.mt kien irrapporta li l-Pulizija wieġbet b’silenzju dwar jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux se jinbidel minkejja li hemm għajdut dwar dan. Sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li kien hemm il-possibiltà li l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija Angelo Gafa jieħu post il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar.

Il-Ministru Farrugia qal li wieħed mill-Assistenti Kummissarji se jkompli bil-ħidma tiegħu mal-Europol fil-ħidma kontra l-kriminalità aktar wiesgħa li twassal ’il barra minn Malta.  Kompla jgħid li l-Assistent Kummissarju l-ieħor apparti x-xogħol u l-ħidma kontinwa tiegħu, għal snin twal mexxa l-banda tal-Pulizija.

Il-Ministru Michael Farrugia stqarr li ċertu persuni jaħsbu li l-Pulizija qed taħdem skont kemm ikun hemm uffiċjali fl-għases. “Jien li jinteressani hu li l-kriminalità tonqos, jiżdiedu s-suċċessi, nara lill-Pulizija jagħmlu xogħolhom u jnaqqsu l-kriminalità f’ċertu hotspots u li joperaw fuq sistema ta’ target policing” qal Farrugia.

Il-Ministru spejga li r-rata tal-kriminalità qed tonqos. Iqis l-inżul fir-rata “bħala riżultat tax-xogħol kontinwu li qed jagħmel il-Korp tal-Pulziija.”