Jinħatru 12-il surġent mara fost 30 ġodda

Taqsima Relazzjonijiet mal-Kominità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Read in English.

Il-Ħamis 30 kuntistabbli tal-Pulizija ġew promossi fil-kariga ta’ surġent. Fost dawn is-surġenti 12 minnhom huma nisa. Din iċ-ċerimonja saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizij fil-Furjana.

Għal din iċ-ċerimonja attenda l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Il-Ministru Byron Camilleri, appella lis-surġenti l-ġodda sabiex jibqgħu jkunu ambizzjużi. Huwa spjega kif fil-karriera tagħhom iridu jkunu huma l-ambaxxaturi tad-dixxiplina fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Żied jappella lil dawn is-surġenti biex ma jistriħux għax saru surġenti u għandhom ikunu ta’ eżempju għall-kollegi l-oħrajn.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, indirizza lis-surġenti l-ġodda u qal li dak kollu li se jagħmlu, mhux biss se jħalli impatt fuqhom infushom, imma fuq l-operat kollu tal-Korp. Huwa qal li t-triq ‘il quddiem hija li l-Korp tal-Pulizija jkun aktar pro-attiv. Tenna li jrid ikun hemm aktar komunikazzjoni mal-vittmi għax din tagħmel differenza u l-vittmi jridu jkunu fiċ-ċentru tal-operat tagħhom. Il-Kummissarju qal li huwa importanti li jimxu bl-eżempju ħalli jirbħu l-fiduċja tan-nies.

Il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju Angelo Gafà awguraw lis-surġenti u rringrazzjawhom tal-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż bħala membri tal-Korp tal-Pulizija.