Jinħatar President Malti għal Tribunal fin-Nazzjonijiet Magħquda

UN
MJCL

Read in English.

L-Imħallef Carmel (Lino) Agius inħatar President tat-Tribunal Kriminali tal-Mekkaniżmu Residwu Internazzjonali (IRMICT) fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda. Hu ġie appuntat mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres.

Is-Sur Agius kien elett għall-IRMICT mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2012, u bħalissa qiegħed jieħu ħsieb l-appell ta’ Ratko Mladic fuq l-akkużi tiegħu ta’ ġenoċidju u atti kriminali oħra kontra l-umanità u ta’ gwerra.

Fl-2015, l-Imħallef Agius sar l-ewwel Imħallef Malti maħtur bħala president ta’ qorti internazzjonali meta sar il-President tat-Tribunal Internazzjonali Kriminali għall-eks Jugoslavja (ICTY). Kien ukoll l-ewwel imħallef Malti li ġie elett f’qorti tan-Nazzjonijiet Magħquda.

F’Jannar, l-Imħallef Agius hu mistenni li jkun il-president tal-appell ta’ Mladic.

Qabel ma laħaq president tal-ICTY fl-2001, is-Sur Imħallef Agius kien maġistrat mill-1977 sal-1982, imbagħad kien Imħallef tal-Qorti ta’ Malta fil-Qorti tal-Appell u l-Qorti Kostituzzjonali. Huwa rtira mill-ġudikatura Maltija fl-2010, u fl-2015 ħa Ġieħ ir-Repubblika.