Jinħatar Kummissarju Għoli ġdid għar-Refuġjati fi ħdan in-NM

It-Taljan Filippo Grandi hu l-Kummissarju Għoli ġdid, fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, għar-Refuġjati.
Qabel beda t-terminu tiegħu ta’ ħames snin, fl-1 ta’ Jannar, Grandi ħadem bħala uffiċjal tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-oqsma tar-refuġjati u affarijiet politiċi għal-Lvant Nofsani, l-Afrika u l-Ażja.
Ħa post Antonio Guterres li kien ilu fit-tmun għal 10 snin.
Grandi qal li l-UNHCR għaddejja minn żmien diffiċli – mhux biss għan-numru bla preċedent ta’ nies li telqu minn djarhom u qed ifittxu kenn f’postijiet oħra, imma wkoll għall-kunflitt f’inħawi differenti tad-dinja, l-isfidi ġodda għall-ażil, u d-distakk dejjem jiżdied bejn il-finanzi u r-riżorsi meħtieġa għal dan is-settur.
Grandi rrefera wkoll għaż-żieda fil-ksenofobija li jqisha bħala periklu.
Irrimarka li b’ħidma ma’ gvernijiet, is-soċjetà ċivili u msieħba oħra, isir progress fil-qasam tal-ħarsien internazzjonali u t-titjib tal-kundizzjonijiet li fihom jgħixu miljuni ta’ rifuġjati madwar id-dinja.