Jinħatar Antoine Zammit bħala t-Teżorier il-ġdid tal-PN

Facebook - Antoine Zammit

Antoine Zammit se jkun it-Teżorier il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija qasira l-PN qal li l-Kumitat Eżekuttiv tiegħu għażel lil Antoine Zammit bħala Teżorier tal-partit. Il-PN ma qalx x’kwalifiċi għandu Zammit.

Fit-3 ta’ Ġunju rreżenja David Camilleri mill-kariga ta’ Teżorier.  Camilleri kien irreżenja wara li ħa sehem fl-elezzjoni bejn Jean Pierre Debono u Kevin Cutajar biex wieħed minnhom jieħu post l-eks MP David Stellini fil-Parlament. Camilleri ma kellux dritt jivvota f’din l-elezzjoni.

It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb

Il-partit qal ukoll li fl-istess laqgħa saret diskussjoni dwar ir-riżultat tal-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali straordinarju fejn Adrian Delia ġie kkonfermat Kap b’aktar minn żewġ terzi tal-voti. Il-PN qal li Delia se jmexxi lill-partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie kkonfermat Kap wara votazzjoni fejn il-Kunsilliera tal-PN intalbu jivvutaw fuq jekk iriduhx ikompli jmexxi sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Huwa ġab 920 jew 67.75% tal-voti IVA. Voti LE kien hemm 438 li jfisser 32.25%.

Filmat: “Se nagħmel riformi b’deċiżjonijiet skomdi” – Delia