Jinħarġu t-tenders għall-pipeline tal-gass

Il-Gvern ħareġ tenders fuq il-proġett ta’ pajp tal-gass bejn Malta u l-Italja.

L-Aġenzija (EIA) fi ħdan il-Ministeru għall-Immaniġjar tal-Enerġija u l-Ilma ħareġ sejħa għal tenders għall-proġett li jgħaqqad lil Malta u l-Italja permezz ta’ pajp tal-gass.

Dan il-proġett jgħaqqad lil Malta man-Netwerk Trans-Ewropew tal-Gass permezz ta’ pajp b’gass naturali, li jissupplixxi lil Malta b’gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.

It-tenders jinkludu li jsir stħarriġ preliminari tar-rotta fil-baħar bejn Malta u l-Italja, studji xi jsiru f’Malta u l-Italja biex jinkisbu permess ta’ żviluppi, u l-immaniġjar ta’ studji tad-disinn tal-inġinerija.

Dawn is-sejħiet huma aċċessibbli permezz tas-sit tat-tenders tal-Gvern (e-PPS). Is-sejħiet jinkludu:

  • CT3110/2018 – Sejħa għall-offerti għal marine survey preliminari dwar rotta tal-baħar bejn Delimara f’Malta u Gela fi Sqallija. Id-data tal-għeluq hija s-26 ta’ Lulju 2018.
  • CT3109/2018 – Sejħa għall-offerti għall-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, li għandu jsir kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja. Dawn huma neċessarji sabiex jinkisbu l-permessi ta’ żvilupp fiż-żewġ pajjiżi. Id-data tal-għeluq hija d-9 ta’ Awwissu 2018.
  • CT3108/2018 – Sejħa għall-offerti sabiex isiru l-istudji tal-front-end engineering design (FEED). Dan jiġi segwit mill-preparazzjoni tad-dokumentazzjoni għal sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni tal-proġett tal-pipeline tal-gass. Id-data tal-għeluq hija d-9 ta’ Awwissu 2018