Jinħarġu l-ewwel ritratti tat-terrorist ewlieni fl-attakki ta’ Pariġi

Inħarġu l-ewwel ritratti ta’ Salah Abdeslam, it-terrorist ewlieni wara l-attakki f’Pariġi f'Novembru li għadda.
Skont rapporti internazzjonali, ir-ritratti ttieħdu permezz tal-kameras tas-sigurtà li hemm fil-pompa tal-petrol, fl-għodwa tal-14 ta’ Novembru, l-għada tal-attakki li fihom nqatlu 130 persuna. 
Is-suspettat, li fir-ritratti jidher rilassat jimxi b’idejh fil-but, jidher li kien il-bniedem responsabbli għal-loġistika tal-gruppi li wettqu l-attakki.
Abdeslam, li qed jintqal li ċempel tnejn minn sħabu biex jeħduh Brussell, fi triqithom lejn id-destinazzjoni waqfu fejn il-pompa tal-petrol minn fejn ittieħed il-filmat li minnu ħarġu r-ritratti.
F’dak il-waqt, it-tliet irġiel kienu diġà ċċekkjati tliet darbiet mill-pulizija, iżda ma kinux mwaqqfa għax sa dak il-mument is-suspettat ma deherx li kellu rabta mal-attakki ta’ Pariġi. Filwaqt li sħabu, Mohammed Amri u Salah Hamza Attou, ġew arrestati l-għada f’Molenbeek u qed jaffaċċjaw l-akkużi, Salah Abdeslam għadu qed jiġi mfittex mill-pulizija.