Jinħarġu 400 ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol minħabba periklu

Ritratt: Arkivji

Read in English.

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) ħarġet 400 ordni minn 4,318-il spezzjoni li għamlet bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena biex jitwaqqaf ix-xogħol minħabba li kien hemm xi periklu.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, l-awtorità qalet li l-perikli li nstabu f’dawn il-postijiet kienu serji biżżejjed li setgħu jikkawżaw xi fatalità jew li joħolqu periklu fiżiku kbir.

L-awtorità spjegat li hi se tibqa’ ssegwi dawn il-każijiet biex tara li dawn il-postijiet tax-xogħol itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom. F’kull każ, inħarġet multa jew inbdew proċeduri ġudizzjarji ladarba ntemmew l-investigazzjonijiet tal-OHSA.

Fl-istess perjodu, 258 entità jew individwu weħlu multa talli kisru l-liġi tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-multi kienu bejn €250 u €1,000, skont kemm kien gravi l-każ.

L-iżjed ksur komuni kien in-nuqqas ta’ tagħmir biex jipprevjeni waqgħat mill-għoli, li s-superviżuri tal-proġetti tas-siti tal-kostruzzjoni ma kinux qegħdin jimxu mal-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni u li l-klijenti tas-siti tal-kostruzzjoni ma kinux qegħdin jimxu mar-rakkomandazzjonijiet tas-superviżuri tal-proġetti.

Iż-żjarat li wettqet l-OHSA varjaw minn dawk ta’ kumpaniji żgħar għal oħrajn kbar, fis-setturi tal-manifattura u tal-kostruzzjoni, fost l-oħrajn.

F’każijiet fejn il-periklu jkun sinifikanti imma ma jkunx kbir wisq, jinħarġu twissijiet biex jittejbu l-kundizzjonijiet, u l-imgħallmin jingħataw perjodu ta’ żmien sakemm jistgħu jwettqu dawn il-bidliet. Sa Settembru nħarġu 1,968 twissija, jiġifieri kważi lin-nofs il-postijiet tax-xogħol.

Fl-istess perjodu, l-OHSA wettqet 3,380 rapport tal-apparat u qed tistenna li tieħu azzjoni legali kontra 450 individwu ieħor talli kisru l-liġi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.