Jinħareġ mandat biex l-Air Malta ma tkeċċix il-bdoti

Aġġornat 03:30 PM

Fi żmien ġimgħa l-Qorti se tiddeċiedi dwar il-mandat ta' inibizzjoni tal-ALPA

Photo by: AirMalta

Read in English.

Il-Qorti laqgħet rikors li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA) wara li saret taf minn stqarrija tal-Air Malta li l-membri tagħha tkeċċew. Il-mandat ta’ inibizzjoni jitlob lill-Air Malta biex ma tkeċċix il-bdoti sakemm jinstema’ r-rikors quddiem il-Qorti nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju.

Fi stqarrija l-ALPA spjegat iċ-ċifra ta’ €73 miljun li l-Gvern qal li l-ALPA talbet għall-pensjoni tal-irtirar kmieni tal-membri tagħha. L-ALPA qalet li wara li l-Air Malta għamlet il-kalkoli tagħha skont dak miftihem fil-Ftehim Kollettiv, l-Assoċjazzjoni qablet mal-Air Malta li din il-figura kienet tagħmel sens fiċ-ċirkostanzi preżenti. L-ALPA qalet li d-diskussjoni dwar dan kien se jibda qabel mal-linja tal-ajru ħabbret li keċċiet il-bdoti.

L-ALPA lbieraħ qalet li kienet sorpriża bis-sensji li ngħataw minħabba li skont l-unjin, it-taħditiet bejn l-Air Malta u l-ALPA kienu qed javvanzaw u kienu qed isiru b’mod regolari. L-ALPA ċaħdet ukoll l-allegazzjonijiet li saru fi stqarrija tal-Air Malta li sejħitilha stqarrija infondata u li kienet miktuba b’mod intenzjonat li jaħbi l-verità tal-fatti.

Fl-istqarrija tal-lum, l-ALPA kkonfermat li l-membri tagħha rċivew l-ittra tat-tkeċċija fil-11pm tal-Ġimgħa, fl-istess ħin li l-Gvern u l-Air Malta ħarġu l-istqarrijiet pubbliċi tat-tkeċċija ta’ nofs il-bdoti.

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu qal li l-ballun jinsab f’saqajn l-ALPA hekk kif ħaġġeġ biex l-unjin tal-bdoti toħroġ bi proposti fattibbli minflok talbiet li ma jistgħux jitwettqu.