Jinħareġ avviż dwar il-friegħi tal-palm li se jintużaw għall-festi

Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent wissa sabiex kull min se juża l-friegħi tal-palm għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħadd il-Palm jassigura li dawn ma jkunux infettati bil-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm.
Ta l-parir li l-friegħi ma jittiħdux mill-qliebi imma jinqatgħu weraq ikbar.
Is-siġar tal-palm li minnhom isir iż-żbir tal-friegħi għandhom jiġu mbexxa b’pestiċidi adattati għal wara ż-żabra skont il-linji gwida li jinsabu fuq is-sit tad-Direttorat, u dan it-trattament għandu jiġi rrepetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex jiġu protetti bl-aħjar mod possibbli s-siġar tal-palm.
Id-Direttorat fakkar biex il-friegħi jinqatgħu żgħar kemm jista’ jkun sabiex jitnaqqsu l-partijiet infettati li ġeneralment ikunu kkonċentrati fil-parti ta’ isfel tal-fergħa. Il-bażi minn fejn tkun inqatgħet il-fergħa għandha tiġi miżbugħa b’żebgħa apposta.
Qal li dan għandu jsir minħabba li l-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm jiġi attirat minn dan il-qtugħ frisk sabiex jiddepożita l-bajd.
Qed iħeġġeġ ukoll għall-kooperazzjoni tal-pubbliku f’dawn l-attivitajiet ħalli dawn id-drawwiet jitkomplew mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel lid-Direttorat fuq 22926535 jew b’xejn fuq 80073210. Inkella jibgħat imejl lil plantquarantine@gov.mt jew iżur is-sit www.plantprotection.gov.mt