Jinħallu wara li jitgħaqqdu f’denb xulxin

squirrels denb

Ħames squirrels (iskojjattli) aħwa spiċċaw għoqda ma’ xulxin wara li denbhom tgħaqqad ma’ ta’ xulxin fil-bejta u kellhom jinħallu minn tim espert f’Wisconsin.

L-isquirrels żagħżagħ griżi instabu magħqudin flimkien bil-ħaxix u l-plastik li ommhom użat biex bniet il-bejta. Tim ta’ rijabilitazzjoni tal-annimali għamel għoxrin minuta jipprova jisseparahom mingħajr ma jweġġa’ il-kreaturi ċkejknin.

L-esperti jispjegaw li mingħajr intervent bir-reqqa, l-isquirrels setgħu jitilfu denbhom, li hu importanti ħafna għalihom, kemm għall-bilanċ kif ukoll biex iżommu sħan. L-isquirrels kienu aġitati ħafna u kellhom jingħataw il-loppju sakemm jinħallu, għax bdew jiċċaqilqu ħafna, kienu qed jibżgħu u jnaqqru s-swaba ta’ dawk li ppruvaw isalvawhom.

Ġie spjegat li lkoll spiċċaw b’xi ħsara f’denbhom waqt li kienu magħqudin ma’ xulxin. Ma setgħux jgħidu ta’ min kien id-denb għax spiċċaw f’għoqda waħda. Il-biżgħa kienet li jispiċċaw bi problemi ta’ ċirkolazzjoni f’denbhom.

Fortunatament l-isquirrels ma damux ma bdew jiġu f’sensihom mil-loppju u rkupraw mill-esperjenza qarsa.