Jinħafrulu 6 xhur ħabs wara li seraq €1,700 mit-trakk taċ-ċilindri tal-gass

Raġel li nstab ħati li seraq €1,700 minn trakk taċ-ċilindri tal-gass irnexxielu jbiddel il-kastig tiegħu u jiffranka 6 xhur ħabs mis-sentenza tiegħu.

F’Jannar li għadda, ir-raġel ta’ 32 sena kien instab ħati li seraq kartiera bil-flus mill-kabina tat-trakk, waqt li dan kien f’Santa Venera fl-2016. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet akkużat lir-raġel b’serq aggravat, u li kiser il-ħelsien mill-arrest dwar każ ieħor. Hu kien ingħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Ġie ordnat ukoll li jċedi l-garanzija li kien ħallas ta’ €10,000.

Ir-raġel imbagħad appella s-sentenza, u argumenta li x-xhieda ma kinux rawh dieħel fil-kabina tat-trakk, iżda kienu raw biss raġel ta’ statura simili għal dik tiegħu, liebes barnuża f’rasu u sejjer jiġri.

Madankollu, ir-raġel kien ġie arrestat ukoll f’Ottubru tal-2018 talli kiser l-istess kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u kien ġie arrestat għal 6 xhur u ngħata multa ta’ €2,400.

L-avukat tal-akkużat argumenta li persuna tista’ tiġi kkastigata darba biss għall-istess offiża, fuq il-bażi tal-ksur tal-prinċipju ne bis in idem. Fil-fatt, il-garanzija personali tar-raġel ta’ €10,000 diġà kienet inbidlet f’sentenza ta’ 6 xhur ħabs minn maġistrat preċedenti.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qalet li l-ewwel Qorti kienet korretta meta sabet lir-raġel ħati ta’ serq, u nnutat li l-garanzija personali tiegħu diġà kienet inbidlet f’sentenza ta’ ħabs, u għalhekk, astjeniet milli tikkunsidraha.

Il-Qorti osservat ukoll li r-raġel kien diġà nstab ħati ta’ serq u reati oħra, u li ma kienx ħataf l-opportunitajiet li offrietlu l-Qorti biex jimxi fit-triq it-tajba. Għalhekk, hija ma ratx għalfejn għandha tibdel il-kastig mogħti mill-ewwel Qorti, iżda biddlet il-kastig għall-ksur tal-kundizzjonijiet, u b’hekk ħafret lir-raġel 6 xhur ħabs.