Jinġibdu diversi films f’Malta

F’dawn il-ġranet fiċ-Ċirkewwa qiegħda tintuża bħala wieħed mis-siti biex jinġibed il-film God’s Soldier. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru wieħed mis-siti fiċ-Ċirkewwa fejn iltaqgħu mal-produtturi kif ukoll ma’ xi artisti ta’ dan il-film.

Il-film huwa drama ddokumentat u bbażat fuq storja marbuta mal-Assedju l-Kbir. Dan il-film se jsir b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun Ewro minn produtturi Maltin flimkien ma’ produtturi oħrajn mill-kumpanija Ingliża Urban Canyon. Dan il-film inħadem f’4 pajjiżi primarjament Malta, it-Turkija, l-Ingilterra u l-Awstrija, bl-aktar prominenza u ħin jinġibed f’Malta, fejn huwa stmat li ġew investiti mat-€322,000 ġewwa Malta.

Il-cast huwa kollu Malti u t-tema magħżula għal dan il-film hija tal-Assedju l-Kbir. Dan se jkun prodott għal-istazzjon Ġermaniz ZDF, l-istazzjon Franċiż/Ġermaniż Arte, l-istazzjon Awstrijakk ORF, l-istazzjon Ingliż Viasat World UK, u finalment fuq bażi lokali il-PBS bis-sapport tal-Kummissjoni Maltija tal-Films u Creative Europe MEDIA. Il-film mistenni joħroġ fl-aħħar ta’ din is-sena. 

F’Malta qed jinħadem ukoll il-film Jurassic World Dominion u sal-aħħar tas-sena mistennija jinġibdu numru ta’ films oħra. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li hija kburija li dan il-film mistenni jolqot udjenzi internazzjonali, se jkun qed jkabbar l-għarfien dwar Malta u dwar l-istorja u l-qlubija ta’ pajjiżna.