Jingħataw l-unuri tal-Plejers tas-Sena tal-Waterpolo

Stevie Camilleri ta’ Neptunes rebaħ l-unur tal-BOV Waterpolo Plejer tas-Sena għall-2016 fil-Kampjonat Premier.
Huwa skorja l-ammont eċċezzjonali ta’ 61 gowl fi 17-il partita, u wassal lil Neptunes għar-rebħ tat-titlu tal-Kampjonat Premier fl-2016, meta għelbu lill-favoriti San Ġiljan f’partita li fiha huwa skorja 4 gowls. B’dan is-sitt unur tal-‘Plejer tas-Sena’, Stevie Camilleri qabeż lil Marco Manara li kien kiseb 5 unuri, biex b’hekk sar l-aktar atleta b’unuri fl-istorja tal-waterpolo f’Malta.
Intant Elena Borg ta’ Exiles rebħet l-unur tal-BOV Plejer tas-Sena fil-Kampjonat tan-Nisa.
Hija kienet il-plejer bl-akbar ammont ta’ gowls għal Exiles u anke fil-kampjonat, b’24 gowl f’7 partiti filwaqt li kienet ukoll l-aqwa skorer fil-EU Nations Cup li saret fid-Danimarka f’April 2016.
Michele Mifsud (Ta’ Xbiex ASC) rebaħ l-unur fil-Kampjonat BOV tal-Irġiel tal-Ewwel Diviżjoni, Andreas Galea u Darren Zammit, ta' San Ġiljan ASC rebħu l-unuri fil-kompetizzjonijiet tal-U/20 u tal-U/17 rispettivament.
Il-plejers ta’ Neptunes, Nikolai Zammit u Jake Muscat, rebħu l-unur għall-kampjonati tal-U/15 u tal-U/13 rispettivament.
Anthony Scicluna, Uffiċjal Għoli tal-Bank of Valletta u Joe Caruana Curran, President tal-Aquatic Sports Association, ippreżentaw il-premjijiet lir-rebbieħa.