Jingħataw id-dettalji tal-Commonwealth People’s Forum

Ingħataw id-dettalji tal-Commonwealth People’s Forum li se jsir fl-erbat ijiem ta’ qabel jibdew uffiċjalment l-attivitajiet marbuta mas-summit ta’ tliet ijiem, taċ-CHOGM, f’Malta f’Novembru li ġej.
It-tema tal-forum, li jpoġġi fuq quddiem lis-soċjetà ċivili, se tkun “X’jagħmel lis-soċjetajiet reżiljenti?”.
It-tnedija saret mill-Ministru għad-Djalogu Pubbliku Helena Dalli, minn Jacqueline Micallef Grimaud li tmexxi s-sotto-kumitat People’s Forum u minn Sir Anand Satyanand, li jmexxi l-Commonwealth Foundation.
Helena Dalli, qalet li hu naturali għal Malta li tkun protagonist fl-iżviluppi waqt il-Commonwealth People’s Forum ta’ din is-sena. Qalet li l-pajjiż iġedded l-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-soċjetà ċivili, inkluż billi jifhem u jitgħallem mill-bqija tal-pajjiżi tal-Commonwealth.
Fil-jiem ta’ qabel iċ-CHOGM se jsiru b’kollox erba’ fora – il-People’s Forum, il-Business Forum, il-Youth Forum u l-Women’s Forum.
Il-Gvern ħabbar li iktar informazzjoni jew biex wieħed jirreġistra u jieħu sehem, għandu jidħol fis-sit taċ-CHOGM www.chogm2015.mt jew jibgħat email fuq peoplesforum@chogm2015.mt