Jingħataw €200 biex jibqgħu fi djarhom f’Għawdex

Residenti fil-pjazza ta' Sannat ingħataw minimu ta' €200 kull wieħed bħala kumpens, minħabba li matul il-jum tal-bieraħ sar ġbid ta' xeni mill-film By the Sea, ta' Angelina Jolie u Brad Pitt.

Il-kumpens ingħata għax ir-residenti ma setgħux jidħlu u joħorġu minn djarhom bil-kumdità tas-soltu, minħabba li f'ċertu ħinijiet kien qed isir ġbid ta' xeni ħdejn id-djar tagħhom. 
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li l-ħwienet bħal grocers li ġew affettwati ngħataw €500 u baqgħu miftuħin biss sal-10am. 
Hu mifhum ukoll li residenti li joqogħdu fil-pjazza ma setgħux jittawlu mill-gallariji u lanqas jonxru ħwejjeġ fuq il-bejt. 
Għal ħabta tas-6.30pm, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien ma' delegazzjoni tiegħu u s-Sindku ta' Sannat, iltaqgħu ma' Angelina Jolie u Brad Pitt. Aktar kmieni, iltaqa' mal-istilel ta' Hollywood, il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia.
Kien dak il-ħin li l-pulizija bdew ikeċċu lin-nies minn fuq iz-zuntier tal-Knisja u anke mill-pjazza nnifisha. 
Matul il-ġurnata fil-pjazza ta' Sannat kien hemm diversi karozzi lussużi u antiki li qed jintużaw fil-film.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, Brangelina u l-atturi l-oħra użaw il-klabb tal-futbol Ta' Sannat kif ukoll il-każin tal-Partit Laburista biex jippreparaw għall-ġbid tax-xeni. Infurmati wkoll li għall-istess għan, inkriet parti mill-Iskola Primarja tal-lokalità.
Fil-ġbid tal-film f'Għawdex, Angelina, li kitbet ukoll l-iskript tal-film, dehret kemm-il darba tagħti struzzjonijiet lit-tim tagħha. F'xena minn By the Sea, Angelina li tidher b'parrokka bjonda, stil retro, Brad jidher jagħtiha tgħannieqa ta' appoġġ.