Jingħata żmien ta’ prova għax iddispjaċieh li seraq lil anzjana

Read in English.

Żagħżugħ li ammetta li seraq lil anzjana minn Birkirkara ngħata żmien ta’ prova wara li qal li ddispjaċieh ħafna ta’ li għamel.

Il-Bormliż ta’ 21 sena ġie akkużat b’serq aggravat, wara li seraq il-portmoni ta’ mara ta’ 71 sena mis-subway ta’ Birkirkara ġimagħtejn ilu. Akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li hu riċediv.

L-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit spjegaw fil-qorti kif l-akkużat ġie identifikat mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà.

Is-suspettat li fil-qorti nstema’ li għandu “problemi soċjali” ġie interrogat u ammetta għal li għamel. Huwa kkopera fl-investigazzjonijiet tal-pulizija.

Iż-żagħżugħ wieġeb ħati u qal li ddispjaċieh. Il-Prosekuzzjoni u d-Difiża qablu li għandu bżonn l-għajnuna. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, iddikjarat lill-akkużat ħati u tatu tliet snin żmien ta’ prova. Tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal sena. Il-vittma ngħatat ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin.