Jingħata tislima statali s-suldat Franċiż li miet flok ħaddieħor

Inżamm ċerimonja statali f’ġieħ l-uffiċjal Franċiż li miet wara li nhar il-Ġimgħa ħa post ostaġġ waqt attakk terroristiku minn estremist Iżlamist
Dann l-attakk qed jitqies bħala l-agħar wieħed mindu ħa t-tmexxija tal-pajjiż Emmanuel Macron, b’16-il persuna tindarab, tnejn minnhom serjament.
Is-suldat inqatel fil-belt ta’ Trèbes, u kien kruċjali biex l-attakk fi stabbilment tax-xiri f’dal-post jieqaf.
L-aggressur ġie identifikat bħala Redouane Lakdim ta’ 25 sena, li ftit qabel kien għadu kif qatel persuna oħra f’Carcassone.
It-tebut ta’ Arnaud Beltrame tmexxa fit-toroq ta’ Pariġi, qalb mijiet ta’ nies, minkejja li x-xita ma qatgħetx.
Preżenti kien hemm il-President Macron, li fil-messaġġ tiegħu qal li t-twemmin li tkun lest tmut flok persuni innoċenti qiegħed fil-qalba tal-ħajja ta’ suldat.
Waqt iċ-ċerimonja, l-uffiċjal ingħata l-ogħla rikonoxximent Franċiż, il-Legion d’Honneur.
Aktar kmieni kien hemm minuta ta’ silenzju, u l-bnadar kollha tal-għases fi Franza, kif ukoll dawk ta’ postijiet pubbliċi, tniżżlu mezz’asta.
Beltrame kien meqjus bħala uffiċjal distint tal-Gendarmerie Nationale, u ġie rrappurtat li ħafna jiftakru fih is-sens ta’ dover u ġenerożità.
Issa t-tebut tiegħu se jivvjaġġa lejn il-belt fin-Nofsinhar ta’ Franza, Carcassone, biex hemmhekk issir id-difna.
Sadanittant, l-aggressur qal li kien isegwi mill-qrib lill-ISIS, u kien ilu fuq il-lista tal-awtoritajiet, għalkemm kien meqjus bħala wettieqi ta’ affarijiet żgħar.