Imur l-isptar u jweġġa’ infermier u gwardjan tas-sigurtà

Raġel ta’ 32 sena minn Santa Venera ngħata probation ta’ sentejn wara li weġġa’ infermier u gwardjan tas-sigurtà fl-isptar Mater Dei.
L-inċident seħħ fit-8 ta’ Mejju 2013 meta l-akkużat mar l-isptar u allega li għandu uġigħ fil-parti ġenitali tiegħu. Hemm inqala’ argument u r-raġel weġġa’ lill-infermier u lill-gwardjan tas-sigurtà.
Fil-Qorti, l-akkużat ammetta  14-il akkuża, fosthom li hedded u attakka uffiċjal pubbliku, li kien riċediv, li kiser l-ordni pubblika u li tkellem ħażin.
L-uffiċjal tal-probation tal-akkużat qal li r-raġel irriforma ruħu minn problema tad-droga u li kien hemm titjib fl-imġiba tiegħu.
Wara li ħadet kollox f’kunsiderazzjoni, fosthom li l-akkużat skuża ruħu mal-vittmi, il-Maġistrat Josette Demicoli poġġietu taħt probation għal sentejn.