Jingħata l-ħelsien mill-arrest żagħżugħ li nqabad bid-droga

CMRU

Żagħżugħ li nqabad fil-pussess tad-droga li jindika li ma kinitx għall-użu tiegħu ngħata l-ħelsien mill-arrest sakemm ikompli jinstema’ l-każ.

Iż-żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Għargħur tressaq il-qorti lbieraħ quddiem il-Maġistrat Victor Axiak.

Huwa ġie arrestat flimkien ma’ żewġ irġiel oħra waqt rejd li wettqu l-pulizija nhar it-Tlieta li għadda. Il-pulizija kienu ilhom ġranet jissorveljaw razzett fil-Għargħur, u meta sar ir-rejd, sabu 100 gramma ta’ sustanza suspettata li hi kokaina u somma ta’ €45,000 flus kontanti.

L-irġiel l-oħra għandhom 31 u 53 sena.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li jinħeles peress li għad fadal min jixhed fil-każ, u peress li huwa diġà kien tressaq il-qorti b’rabta ma’ serq. Madankollu, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono argumentat li huwa għandu jitqies innoċenti sakemm jinstab ħati, u li x-xhieda msemmija diġà kienu tkellmu mal-pulizija.

Il-Maġistrat Axiak iddeċieda li ż-żagħżugħ jingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Ingħata ħin xħin jista’ jidħol u joħroġ mid-dar ukoll.