Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li waddab sikkina

Żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li waddab sikkina u weġġa’ ħafif persuna oħra fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.
L-immigrant mis-Somalja tressaq il-Qorti akkużat li nhar il-Ħadd li għadda żar iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, fejn kien  jgħix, u waqt ġlieda kkawża ġrieħi ħfief fuq immigrant resident.
Fil-Qorti, l-akkużat insista li l-vittma u xi persuni oħra, daruh u attakkawh u li hu kien qiegħed biss jiddefendi ruħu.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat il-ħelsien mill-arrest wara li aċċertat li l-akkużat kellu residenza fissa. Hija talbitu jħallas €1,000 garanzija personali u jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-Qorti wissiet lill-akkużat biex joqgħod attend u ‘l bogħod mill-allegat aggressur u biex ma jersaqx lejn ħadd mix-xhieda tal-prosekuzzjoni.