Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tajjar mara u baqa’ sejjer

Sarah Cassar Dymond

Raġel ta’ 61 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li tajjar mara ta’ 47 sena u baqa’ sejjer. L-inċident seħħ fl-20 t’Ottubru li għadda fi Triq D’Argens il-Ġżira għall-ħabta tas-1.15pm.

Ir-raġel li huwa residenti f’Għajnsielem kien akkużat li tajjar lill-mara, baqa’ jkaxkaraha u kkaġunala ġrieħi gravi. Huwa kien akkużat ukoll li baqa’ sejjer u ma ċempilx il-pulizija.

Il-Pulizija spjegat li wara diversi investigazzjonijiet li saru r-raġel ġie traċċat f’Għawdex u ġie arrestat ilbieraħ.

Għall-akkużi miġjuba kontrih ir-raġel wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tiegħu l-avukat tad-difiża Joe Giglio qal li li dan l-inċident kien wieħed sfortunat u seħħ huwa u sejjer id-dar wara shift twil. L-avukat tad-difiża qal ukoll li l-pulizija elevaw il-filmati tas-CCTV cameras u għalhekk l-evidenza hija priservata. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni ma kellha l-ebda oġġezzjoni għal dan.

Il-Maġistrat Nadine Lia kkonkludiet li taċċetta t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000. Huwa kien ordnat li jiffirma l-bail book tliet darbiet fil-ġimgħa.

L-ispettur Jonathan Ranley mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukat Roberta Bonello kienet qiegħda tidher għall-akkużat ukoll.