Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li nqabad bi 3 kg kannabis

Ġuvni ta’ 28 sena minn San Pawl il-Baħar ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Rhys Spiteri tressaq quddiem il-Qorti b’urġenza akkużat b’pussess ta’ 3kg kannabis.
Il-Pulizija sostniet li kien jidher li d-droga ma kinitx għall-użu personali skont iċ-ċirkustanzi li fiha nstabet.
Spiteri ammetta l-pussess iżda wieġeb mhux ħati għall-akkuza ta’ traffikar. 
Id-difiża qalet li m’hemmx xhieda biżżejjed li turi li l-użu ma kienx għal wieħed personali u saħqu li l-proċess biex dan ikun stabilit għad irid jimmatura.
Fit-talba għall-ħelsien mill-arrest l-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia qalu li l-akkużat ammetta li kellu d-droga fil-pussess tiegħu u kkopera mal-Pulzija.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li filwaqt dawn huma akkużi serji, dan ma jżommx il-Qorti milli tagħti l-ħelsien mill-arrest.
Huwa ngħata numru ta’ kundizzjonijiet mal-ħelsien.