Jingħata l-ħelsien mill-arrest u jintbagħat lura f’San Blas

Residenti fiċ-ċentru tar-riabilitazzjoni f’San Blas ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 wara li kien akkużat b’serq aggravat minn ħanut tal-għodda.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat, furnar ta’ 32 sena, ammetta li, fit-18 ta’ Marzu li għadda, seraq numru ta’ għodod minn ħanut f’Birkirkara filwaqt li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.
Instema’ wkoll li omm l-akkużat kienet lesta tagħmel tajjeb għall-ħsara li wettaq binha, bit-tama li tagħtih l-aħħar ċans.
L-akkużat ikkopera b’mod sħiħ mal-Pulizija.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, ordnat lill-akkużat biex jirritorna f’San Blas ħalli jkompli l-programm tar-riabilitazzjoni li beda tliet ġimgħat ilu.