Jingħata l-ħelsien mill-arrest iż-żagħżugħ li ‘qatel’ l-anzjan fl-Imtarfa

Tressaq il-Qorti ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena min-Naxxar li nhar it-Tnejn daħal b’karozza fi stejġ tal-linja fl-Imtarfa, bil-konsegwenza li kkaġuna l-mewt ta’ anzjan u ħalla ieħor fil-periklu li jitlef ħajtu. Minbarra bi qtil involontarju, Iż-żagħżugħ jinsab mixli wkoll li ħa l-karozza ta’ missieru mingħajr permess, li saq bi traskuraġni u mingħajr liċenzja jew polza tas-sigurtà, kif ukoll li kkawża ħsara ta’ €2,300 fl-istejġ tal-linja.
Iż-żagħżugħ ċaħad li qatel lil Patist Azzopardi ta’ 65 sena u li kkawża ġrieħi gravi lil anzjan ieħor.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ €5,000, biex f’xi ħinijiet ma joħroġx mid-dar, kif ukoll biex ma jersaqx lejn l-inħawi tal-Imtarfa.