Jingħata l-aħħar tislima Nicholas Zammit; “intelliġenti u jferraħ lil ta’ madwaru”

Read in English.

Illum sar il-funeral ta’ Nicholas Zammit, it-tifel ta’ seba’ snin li tilef ħajtu f’inċident f’barriera fl-Imqabba fis-26 ta’ Diċembru.

Il-quddiesa tal-funeral saret fil-Qrendi. Preżenti għall-quddiesa kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u bosta tfal mill-iskola tal-Kulleġġ ta’ San Benedittu.

Dun Said qal lil Newsbook.com.mt li l-mewt ta’ Nicholas Zammit kienet xokk għall-parroċċa. Però qal li huwa ċert li l-parroċċa tal-Qrendi issa għandha qaddis ieħor fis-sema.

Fl-omelija tiegħu, l-Amministratur Parrokjali Dun Mario Said iddeskriva lil Zammit bħala tifel intelliġenti li kien iferraħ lil dawk ta’ madwaru. Spjega li seba’ xhur ilu kien għamel il-preċett fl-istess knisja.

Dun Said indirizza wkoll lill-ġenituri tat-tifel biex joffrilhom kliem ta’ faraġ f’dan il-“mument diffiċli”. Jinsab persważ li se jkun magħhom fl-ispirtu.

Dun Said qal lil Newsbook.com.mt li tkellem mal-għalliema ta’ Zammit li qalu li kien iżomm kumpanija ta’ student barrani peress li dan ma tantx kien jitkellem bil-Malti. Ħa sehem ukoll f’kunċert tal-Milied u interpreta parti ta’ xi ħadd li kien qed iferraħ lil Ġesù.

Zammit miet l-għada tal-Milied. Skont il-Pulizija, ntlaqat minn gaffa li mxiet lura waħedha f’niżla. It-tifel kien qiegħed fil-barriera ma’ qarib li kien qed jagħmel xi xogħol hemm dak il-ħin.

Fuq Facebook, Owen Bonnici qal li dan hu “mument diffiċli ħafna għall-familja u l-qraba”.

“Is-solidarjetà li l-poplu tal-Qrendi u l-pajjiż kollu qed juru mal-familja hija waħda kbira. Aħna lkoll warajhom f’dan il-mument ta’ niket kbir.”