Jingħata kumpens talli ta stqarrija bla avukat f’każ ta’ attentat ta’ qtil

Raġel li qed iservi sentenza ta’ 18-il sena ħabs wara li kien instab ħati ta’ attentat ta’ qtil fl-2005, ingħata €3,000 bħala kumpens għad-dannu morali għal proċeduri kostituzzjonali li ressaq 3 snin ilu, peress li hu kien ta stqarrija lill-pulizija mingħajr assistenza legali.

Ir-raġel ta’ 48 sena minn Ħal Luqa ilu l-ħabs minn mindu l-ġurija sabitu ħati ta’ attentat ta’ qtil fl-2010 għax niffed sikkina f’sider sewwieq f’Ħal Qormi. Il-vittma kien riekeb fil-karozza tiegħu, meta avviċinah il-ħati u bdew jargumentaw. Il-ħati kien allegatament laqat il-mera tal-ġenb tal-karozza tal-vittma xħin dan ipprova jaqbżu.

L-aggressur ġie arrestat sagħtejn wara l-inċident, u kien ta stqarrija lill-pulizija mingħajr ma kkonsulta ma’ avukat qabel. Huwa kien ġie akkużat b’attentat ta’ qtil fi żmien 36 siegħa li ġie arrestat.

Eventwalment, ir-raġel għadda minn smigħ bil-ġurija, li sabuh ħati b’7 kontra 2, u dan wassal biex jingħata s-sentenza ta’ 18-il sena ħabs, li pprova jappellaha, iżda li fl-appell, ġiet ikkonfermata.

Fi Frar tal-2016, ir-raġel ressaq applikazzjoni kostituzzjonali li tgħid li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust kien inkiser meta ta stqarrija lill-pulizija mingħajr avukat preżenti.

Il-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, osservat li l-applikant ma kienx wettaq reat tal-qawwa kif indikat fl-istqarrija tal-pulizija, imma kien ġie identifikat bħala s-suspett minn fatti oħrajn li wasslu għall-arrest tiegħu u setgħu jorbtuh mal-inċident.

L-Imħallef osserva li n-nuqqas ta’ stqarrija kien idgħajjef il-każ tal-Prosekuzzjoni, imma qal li l-pulizija kellhom biżżejjed evidenza valida biex jissapportjaw l-allegazzjonijiet kontra l-akkużat. Qal ukoll li l-akkużat ma kienx oġġezzjona dwar l-istqarrija waqt li kien għaddej il-każ propja, u għalhekk mhuwiex ġust li issa jirrikorri għal rimedju kostituzzjonali biex iħassar dak li kien ġie deċiż qabel.

Il-Qorti laqgħet l-ilment tal-applikant li nkisrulu d-drittijiet, imma b’mod limitat, minħabba li l-istqarrija kien taha lill-pulizija mingħajr l-assistenza jew il-preżenza ta’ avukat, u din kienet intużat bħala evidenza waqt il-proċeduri kriminali kontra l-akkużat.

Għalhekk, il-Qorti tat lill-applikant kumpens ta’ €3,000 għad-dannu morali li sarlu. Dan għandu jingħatalu mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju għall-Pulizija.