Jingħata ċans jirriforma ruħu l-kaċċatur li spara fuq spanjulett

Raġel li kien ingħata sentenza ta’ sena ħabs u multa ta’ €5,000 ra s-sentenza tiegħu titnaqqas wara li sentenza ġiet appellata. Fil-Qorti tal-Appell l-Imħallef ikkonferma li r-raġel huwa ħati u deċiżjonijiet oħra meħuda mill-ewwel Qorti iżda biddel sentenza ħabs għal waħda sospiża b’sentejn.

Ir-raġel kien akkużat li f’April 2015 spara fuq spanjulett, li huwa għasfur protett. L-ispanjulett kien waqa’ fil-bitħa tal-iskola St Edward’s fil-Birgu u wassal biex jingħalaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Il-Qorti sabet li l-kondotta ta’ Kirsten Mifsud kienet kważi nadifa hekk kif hu kien darba akkużat b’pusses ta’ droga li għaliha kien illiberat fuq kundizzjoni. Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li tati r-raġel il-benefiċċju li jirriforma ruħu.

Fl-appell,l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia li dehru f’isem Mifsud, arugmentaw li d-dritt tar-raġel għal smigħ xieraq inkiser quddiem il-Qorti tal-Appell. Dan għaliex il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti kienu ngħaqqdu bħala parti ċivili fil-każ minkejja li Mifsud ma kienx membru tal-istess għaqda. Huma argumentaw ukoll li r-raġel ma kellux ċans jipprepara d-difiża tiegħu hekk kif kien mixli fl-istess ġurnata li nqabad bil-prosekuzzjoni ttella x-xhieda u tgħalaq l-evidenza kollha f’jum wieħed.

L-Imħallef Giovanni Grixti sostna li l-ewwel argument tal-appell kien materja ta’ każ kostituzzjonali filwaqt li rigward it-tieni argument, l-akkużat ma talabx għal differiment. Għalhekk il-Qorti ma laqgħetx iż-żewġ argumenti li saru fl-applikazzjoni tal-appell. L-Imħallef innotta kif diversi xhieda kienu qalu li semgħu diversi tiri minn fejn kien ir-raġel.

Il-Qorti tal-Appell innuttat li l-ewwel Qorti kienet raġonevoli fid-deċiżjoni tagħha u s-sentenza ngħatat skont il-liġi. Iżda l-Imħallef filwaqt li kkonferma li r-raġel ħati u kkonferma l-multa li ngħata, l-liċenzja tal-kaċċa tibqa’ revokata u s-senter jibqa’ ikkonfiskat iddeċida li jagħti ċans lir-raġel jirriforma ruħu. B’hekk biddilu s-sentenza ta’ sena ħabs għal sentenza sospiża għal sentejn.