Jingħata ċans ieħor wara li temm programm ta’ riabilitazzjoni

Raġel ta’ 40 sena ngħata tliet snin probation wara li fil-Qorti nstab ħati li laqa’ għandu oġġetti misruqa fl-2018. Fil-Qorti ħareġ li r-raġel għamel programm ta’ riabilitazzjoni mal-Fondazzjoni OASI u għalhekk tixtieq li l-isforz li għamel il-persuna jkun rikonoxxut billi ma jingħatax piena ta’ ħabs.

Fil-Qorti l-akkużat kien ġie akkużat li seraq oġġetti li jammontaw għal aktar minn €2,329.37, laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, għamel ħsara li l-valur tagħha huwa ta’ aktar minn €250 u li kien reċediv.

Il-każ imur lura għal Settembru 2018 f’residenza fil-Ħamrun. Fil-Qorti ġie spjegat li din ir-residenza ma kienx joqgħod fiha xi ħadd b’mod permanenti u meta marru jiċċekkjaw il-post isibu li kien miftuħ u kien hemm xi oġġetti misruqa fosthom television, stereo u soundbar.

F’April 2019, il-pulizija rċevew informazzjoni li dawn l-oġġetti kienu ġo fond fil-Marsa u għalhekk il-Pulizija xlew lill-akkużat bis-serqa u li kellu l-oġġetti misruqa fil-pussess tiegħu. Madankollu l-Qorti qalet li ma tistax tipprova li s-serqa seħħet mill-akkużat minħabba li ma kienx hemm filmati tas-CCTV u lanqas finger prints li jwasslu għal dan.

Għalhekk illiberat lill-akkużat mill-akkużi li seraq  oġġetti u għamel ħsara fil-propjetà iżda sabitu ħati li żamm għandu oġġetti misruqa. Il-Qorti kkunsidrat li l-akkużat għamel programm ta’ riabilitazzjoni u għalhekk ikkundannatu tliet snin probabtion.

Fi kliemu l-Maġistrat Joe Mifsud qal li ‘ikun aktar faċli għal din il-Qorti li b’daqqa ta’ piena tiġi taqa’ u tqum mill-isforz li għamel l-imputat biex jaqbad it-triq it-tajba. Kieku l-Qorti tagħmel dan barra li tkun qiegħda toħloq inġustizzja flok ġustizzja mal-imputat, tkun qiegħda tagħti daqqa ta’ ħarta lill-ħidma li twettaq b’tant għożża u professjonaliżmu din il-Fondazzjoni.