Jingħata bidu għad-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg

Read in English.

L-edizzjoni tal-2019 tal-festival dejjem popolari ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, fetħet il-bibien tagħha llum, il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru.

Issa li wasal fid-disa’ sena tiegħu, ŻiguŻajg mingħajr dubju sab postu bħala l-aqwa festival tal-arti għall-udjenzi żgħażagħ; avveniment fil-kalendarju nazzjonali li wieħed ma jistax jitlef. Bħall-edizzjonijiet tas-snin ta’ qabel, din is-sena r-repertorju jinkludi bosta produzzjonijiet stellari minn kumpaniji tal-arti lokali u internazzjonali, filwaqt li ŻiguŻajg issieħeb ukoll ma’ xejn inqas minn erba’ organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi oħra – l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Teatru Malta, it-Teatru Manoel u ŻfinMalta – biex ikompli jesponi aktar il-baħar ta’ talent inkredibbli li hawn f’Malta.

Din is-sena l-Festival fetaħ fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, b’wirja u workshop ta’ Tingo, The Tuneless Bird, taħlita maġika ta’ mużika u pupazzi mtellgħa miż-żewġt aħwa kantanti favoriti ta’ Malta, The New Victorians, flimkien mal-imgħallem tal-pupazzi Matthew Pandolfino.

Filwaqt li ddikjara l-Festival uffiċjalment miftuħ, Rupert Cefai, Chairman ta’ Fondazzjoni Kreattività, qal, “Kuntent ħafna li ŻiguŻajg għadu qed jikber b’saħħtu f’din id-disa’ edizzjoni tiegħu, u li qed joffri repertorju daqstant divers u divertenti għat-tfal ta’ kull età, li jibqgħu jattendu għalih bl-eluf.”

Il-ftuħ tal-attivitajiet kellu nota ċkejkna ta’ diqa għal Daniel Azzopardi, li jinsab fl-aħħar sena tiegħu bħala Direttur tal-Festival ŻiguŻajg. Is-Sur Azzopardi ilu jmexxi l-festival għal dawn l-aħħar erba’ snin, filwaqt li ilu parti mit-tim xejn inqas minn tmien snin. “Nistqarr li nħossni kburi u sodisfatt immens li ħdimt ma’ dan it-tim tal-ġenn u li flimkien żammejna l-momentum li ŻiguŻajg irnexxielu jibni tul is-snin,” qal is-Sur Azzopardi. “Ninsab ferħan li qed ngħaddi x-xettru ta’ inizjattiva tal-arti u l-kultura daqstant b’saħħitha lis-suċċessur tiegħi.”

Madankollu għalissa s-Sur Azzopardi mhu sejjer imkien. Tul l-għaxart ijiem li ġejjin hu u t-tim ta’ ŻiguŻajg se jaraw xhur twal ta’ ħidma jagħtu l-frott, bl-involviment ta’ aktar minn 130 persuna minn 11-il pajjiż differenti, hekk kif il-21 proġett tal-programm jiftħu l-bibien tagħhom għal udjenzi minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Fadal xi biljetti għal uħud mill-produzzjonijiet.

ŻiguŻajg hu organizzat minn Fondazzjoni Kreattività u se jdum għaddej sal-24 ta’ Novembru 2019. Ħafna mill-inizjattivi se jittellgħu fil-Belt Valletta u f’Għawdex. Għal aktar informazzjoni dwar id-diversi proġetti li hemm għaddejjin kif ukoll għall-booking ta’ biljetti jekk jogħġbok żur is-sit.