Jingħata €200,000 għax tilef il-ħanut bit-tibdil f’Bieb il-Belt

Sid ta’ negozju tal-familja ngħata €217,280 f’kumens għad-danni li sarulu. Dawn ingħatawlu disa’ snin wara li n-nengozju mar lura minħabba l-proġett ta’ riġenerazzjon ta’ Bieb il-Belt. L-Awtorità tal-Artijiet naqset milli wettqet l-obbligi tagħha li kellha fil-kuntratt.

Raphael Briffa li kellu ħanut bil-basktijiet u l-bagalji kien ilu miftħu mill-1948. Hu ħarrek l-Awtoritàwara li ġie mwiegħed post alternattiv għan-negozju tiegħu iżda dan qatt ma mmaterjalizza. L-ewwel ħanut kien alloġġat taħt it-Teatru l-Imwaqqa’ fi Triq ir-Repubblika, iżda l-familja Briffa kienet xtrat it-tieni ħanut tagħha fil-kumpless tal-ħwienet f’Bieb il-Belt wara li l-familja semgħat li l-gvern għandu pjanijiet li jirriġenera l-belt kapitali u ż-żona ta’ Bieb il-Belt.

Iżda bħala parti mill-preparamenti għall-proġett ta’ riġenerazzjoni, l-inkwilini kollha ġew żgumbrati mill-kumpless, fejn issa hemm il-Parlament. B’hekk il-familja spiċċat tilfet iż-żewġ ħwienet tagħha.

Il-familja kienet eleġibbli tirċievi €200,00 għall-ħanut li kellha fi Pjazza Ħelsien taħt skema ta’ kumpens tal-gvern. Huma kellhom jingħataw ukoll ħanut fuq in-naħa l-oħra tal-pjazza biex jissostitwixxi l-ħanut ewlieni li kellhom taħt it-Teatru l-Imwaqqa’.

Il-ħanut li ngħatalhom sfortunatament kien f’post remot u ftit li xejn kienu jgħaddu nies. B’hekk Briffa tilef in-nies. In-negozjant qajjem din il-kwistjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet li kien daħal f’kuntratt fl-2011. Minkejja li l-kuntratt kien ilu snin li skada, l-Awtorità tal-Artijiet baqgħat ma ħarġitx sejħa għall-offerit għall-ħanut fi Triq l-Ordinanza, anka jekk dan kien imniżżel fil-kuntratt.

L-Imħallef iddikjara li ma kinitx f’idejn il-qorti d-deċiżjoni dwar tmiem il-kuntratt jew dwar kif għandu jinkera l-ħanut fi Triq l-Ordinanza. Iżda l-qorti aċċettat it-talba ta’ Briffa dwar id-danni. L-qorti qalet li peress li l-Awtorità tal-Artijiet naqset milli tipprovdi l-alternattiva xierqa li kienet wegħdet, hi għandha tipprovdi kumpens.

Sid il-ħanut ingħata €200,000 b’kumpens skont l-iskema preċedenti flimkien ma’ €17,280 oħra li jirriflettu l-inflazzjoni tul id-disa’ snin.