Jingħata 3 snin ta’ prova żagħżugħ li kien se jtajjar pulizija

CMRU

Ġuvni li nstab ħati li kien qed isuq karozza misruqa u kien se jtajjar uffiċjal tal-pulizija f’Ottubru li għadda ngħata żmien ta’ prova mill-Qorti.  Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkunsidra li ż-żagħżugħ għamel progress fl-imġiba tiegħu, u b’hekk qal li jħoss li hemm ħtieġa ta’ ġustizzja ta’ rikonċiljazzjoni.

Għandu jpatti ta’ għemilu – missier iż-żagħżugħ li kien se jtajjar pulizija

Il-każ seħħ f’Ottubru li għadda meta l-akkużat seraq karozza mill-Imsida. Meta hu ltaqa’ mal-pulizija f’Ħal Kirkop, baqa’ sejjer u ma waqafx. Huwa kien se jtajjar lill-pulizija li kien fuq xogħol. Meta ġara l-inċident, iż-żagħżugħ kellu 17-il sena u kien qed isuq bla liċenzja u mingħajr ma kien assigurat.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qieset li ż-żagħżugħ għaraf li żbalja meta seraq il-karozza li sab miftuħa biex jieħu dawra lit-tfajla tiegħu, iddispjaċieh u issa kompla bl-istudji tiegħu u beħsiebu jsib xogħol. L-uffiċjal taż-żmien ta’ prova taż-żagħżugħ qalet li l-imġiba tiegħu għamlet progress kbir.

Għaldaqstant, l-akkużat instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, iżda ngħata ċans ieħor billi ngħata żmien ta’ prova ta’ 3 snin. L-uffiċjal assenjat maż-żagħżugħ għandu jirrapporta l-progress tiegħu kull 6 xhur. Il-Qorti ssospendiet il-liċenzja tas-sewqan tal-ġuvni għal sena.

Isem iż-żagħżugħ ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.

Jerġa’ jinqabad isuq Liam Debono; ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Dan il-każ ġara ftit xhur wara l-każ taż-żagħżugħ Liam Debono, li pprova jtajjar lill-uffiċjal tal-pulizija, illum is-Surġent Simon Schembri, u kaxkru għal diversi metri bil-konsegwenza li swieh drigħu.