Jingħaqad mal-Kurja l-Kunsill tas-Siġġiewi għall-Kappella tal-Lunzjata

L-appell mill-Kurja sabiex isir ix-xogħol meħtieġ fil-Kappella tal-Lunzjata fl-inħawi tas-Salib tal-Għolja ntlaqa’ mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, li qal m’għandux il-fondi biex jirrestawraha.
Mindu sfronda s-saqaf tal-Knisja ta’ Ġieżu tar-Rabat tal-Imdina, qamet diskussjoni dwar il-ħarsien tal-patrimonju reliġjuż imferrex madwar Malta u Għawdex.
Il-kunsill qal di stqarrija li ftit tas-snin ilu kien diġà uża €300,000 biex sar pavimentar ta’ partijiet miż-żona tas-Salib tal-Għolja, iżda issa hemm partijiet mill-kappella tal-Lunzjata li diġa’ waqgħu, u hemm partijiet oħra mill-ħitan bi xquq fondi fihom.
Fil-fatt, partijiet kellhom jingħalqu għall-pubbliku minħabba l-periklu.
Mhux l-ewwel darba li s-Siġġiwin talbu għal intervent restawrattiv f’dil-kappella li nbniet fl-1420, hekk kif fl-2015 kien sar appell nazzjonali mill-kunsill, mill-parroċċa u mill-grupp 26 sabiex tiġi salvata.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Zammit Psaila, qalet li l-kunsill joffri l-għajnuna tiegħu fid-diskussjonijiet tant meħtieġa sabiex dal-patrimonju reliġjuż jitħares.