Jingħalqu skejjel fi Franza minħabba żieda fl-infezzjonijiet

Tnejn u għoxrin skola fi Franza u fil-gżira Franċiża ta’ La Reunion fl-Oċean Indjan kellhom jingħalqu minħabba l-imxija tal-COVID-19, hekk kif il-pajjiż illum rreġistra l-ogħla rata ta’ infezzjonijiet fl-Ewropa.

Aktar minn 12-il miljun student rritornaw fil-klassijiet fi Franza nhar it-Tlieta li għadda, iżda diversi unions tal-ġenituri u tal-għalliema esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel hekk kif it-tixrid tal-COVID-19 għadu qed jaċċelera.

Kien hemm aktar minn 7,000 infezzjoni ġdida fi Franza fl-aħħar 24 siegħa għat-tieni darba f’jumejn wara l-vaganzi tas-sajf.

Bħala risposta għad-deċiżjoni li l-istudenti jintbagħtu lura l-iskola, il-Ministru tal-Edukazzjoni Franċiż Jean-Michel Blanquer qal lill-gazzetta Franċiża Journal du Dimanche: “Mhux kollox għandu jinqered mis-sitwazzjoni tas-saħħa.”