Jingħalqu l-bars u kafetteriji f’Pariġi

A man wearing a protective face mask crosses the deserted Rue de Rivoli in Paris
REUTERS/Christian Hartmann

Bars u kafetteriji f’Pariġi ngħalqu għal ħmistax hekk kif ġew introdotti miżuri ġodda fid-dawl taż-żieda fil-każijiet ta’ coronavirus fil-kapitali Franċiża.

Il-pandemija qed tkompli tinfirex b’rata mgħaġġla wisq, sostna l-Kap tal-Pulizija Pariġina Didier Lallement. B’mod partikolari, bars u kafetteriji komplew jattiraw folol kbar u fihom ta’ spiss il-persuni li jiffrekwentaw dawn l-istabbilimenti kienu qed jinjoraw ir-regolamenti dwar id-distanzjament soċjali u l-ilbies tal-maskri.

Intant, ir-regoli l-ġodda imponew limitu fil-klasijiet u l-awditorja tal-universitajiet tal-belt għal 50% tal-kapaċità tagħhom, b’riflessjoni tal-fatt li huma proprju ż-żgħażagħ li kienu qed jixprunaw iż-żieda fil-każijiet.

Is-Sibt li għadda, Franza rrappurtat 17,000 każ ġdid, l-akbar numru sa minn meta l-pajjiż beda t-testijiet b’mod wiesa’. Pariġi waħidha qed tirreġistra mat-3,500 każ kuljum, skont Aurelien Rousseau Direttur tal-aġenzija reġjonali tas-saħħa. 

Hija spjegat li Pariġi qabżet tliet indikaturi li jwasslu biex tkun irrappurtata l-ogħla livell ta’ twissija: ir-rata ġenerali tal-prevalenza tal-virus, it-tifrix fost l-anzjani u n-numru ta’ sodod fit-taqsimiet tal-kura intensiva li ttieħdu minn pazjenti infettati bil-virus, li issa qabżu s-36%. 

Hu stmat li hemm aktar minn 200 cluster attiv tal-coronavirus fir-reġjun tal-Ile-de-France li fih tinsab Pariġi.

Madwar 40% minnhom oriġinaw fl-iskejjel u l-universitajiet, 26% fuq il-postijiet tax-xogħol u 10% minn okkażjonijiet privati.

Intant, il-Ministru tax-Xogħol Elisabeth Borne appellat lil min iħaddem u lill-ħaddiema biex “kemm jista’ jkun jaħdmu mid-dar biex jillimitaw l-imxija tal-virus”. 

Fost miżuri oħra mnedija din il-ġimgħa gyms u pixxini reġgħu ngħalqu bl-eċċezzjoni biss għall-użu waqt attivitajiet skolastiċi. In-numru ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu flimkien fil-pubbliku tniżżel għal 10 filwaqt li massimu ta’ 1,000 ruħ setgħu jattendu avvenimenti sportivi jew kulturali fi stadiums fil-miftuħ.

Issaħħew ukoll ir-restrizzjonijiet fuq żjarat lil persuni fi djar tal-anzjani li jistgħu jsiru biss b’appuntament.