Jingħalqu b’suċċess in-negozjati bejn Malta u l-UE – €1.128 biljun għal Malta

Wara 24 siegħa ta’ diskussjoni u minkejja t-tnaqqis fil-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-fondi għal Malta se jammontaw għal €1.128 biljun għal perjodu 2014-2020. In-negozjati ntlaqgħu tajjeb ukoll mill-pajjiżi nordiċi tal-Ewropa fosthom ir-Renju Unit u l-Olanda.

Waqt id-diskussjonijiet, il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi nsista li Malta m’għandiex tiġi nieqsa minn fondi minħabba li għamlet progress fl-ekonomija. Huwa saħaq li lest jiddefendi ir-riżultati li kiseb f’Novembru li għadda u li se jkompli jaħdem għal iktar tkabbir.

Lura għall-perjodu 2007-2013, Malta ħadet xejn inqas minn €1.115 biljun. Dan ifisser li din id-darba, pajjiżna se jkun qiegħed jieħu iżjed flus, b’total ta’ €1.128 biljun.

Apparti hekk, hemm ukoll żieda ta’ 109 miljun ewro minn dak li oriġinarjament ipproponiet il-Kummisjoni Ewropea.

€110 minn dawn il-fondi se jkunu direttament allokati għal Għawdex.