Jingħalaq il-proċess tal-għażla ta’ proġetti agrikoli

Ingħalaq il-proċess tal-għażla tal-proġetti relatati mal-miżura għall-immodernizzar ta’ Strutturi Agrikoli.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes.

Il-proġetti li se jsiru taħt din il-miżura għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività tas-settur agrikolu u li jiffaċilitaw lill-bdiewa Maltin biex jagħmlu investimenti fil-metodi ta’ produzzjoni li jippermettulhom li jonoraw id-domanda u  l-kundizzjonijiet ġodda tas-suq.

Permezz ta’ din il-miżura il-bdiewa u r-raħħala qed jiġu appoġġjati biex jimmodernizzaw l-oqsma agrikoli u l-irziezet sabiex itejbu mhux biss il-prestazzjoni ekonomika tagħhom iżda wkoll l-ambjent, is-sigurtà okkupazzjonali, l-iġene u l-benesseri tal-annimali.

Għal din il-miżura setgħu japplikaw bdiewa full-time u part-time  kif ukoll intrapriżi agrikoli involuti fil-produzzjoni agrikola reġistrati f’Malta

Benefiċjarju jista’ jirċievi sa 50% tan-nefqa totali eliġibbli ta’ spiża  fl-investiment propost, sa ammont massimu ta’  €150,000.

Il-fondi allokati għal din il-miżura kienu ta’ €4 miljun li ġew imqassma skont is-setturi tal-produzzjoni agrikola. Ma’ dan l-ammont il-Gvern qed jistenna konferma uffiċjali mingħand il-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta’ €4 miljun oħra fuq din il-miżura.