Jinġabru l-flus għar-raġel li nħarqitlu d-dgħajsa fl-Imġarr

Karl Pace kien wieħed miż-żewġ irġiel midrubin meta erba’ jottijiet ħadu n-nar fl-Imġarr, Għawdex, fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Huwa qed isofri minn ġrieħi serji, bi ħruq ta’ 60% ta’ ġismu, u bdew jinġabru xi flus għalih, sakemm jirkupra fl-isptar. F’inqas minn 24 siegħa nġabru kważi €8,000.

Żewġt iħbieb ta’ Karl bdew din il-ġabra ta’ flus sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l-kera u spejjeż oħra tiegħu sakemm hu qiegħed jingħata l-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, id-dgħajsa ta’ Karl ħadet in-nar waqt li hu kien rieqed ġewwa. Irnexxielu jqum, iżda kellu jgħaddi min-nar biex joħroġ mid-dgħajsa. Ġie spjegat li għandu ħruq kbir, iżda l-ebda mill-organi essenzjali ma saritilhom ħsara, u lanqas ma sofra ħruq f’wiċċu.

Hi Everyone,Thank you all for your concerns and love being sent Karl’s way, he is definitely feeling and appreciating…

Posted by Karl Pace on Monday, June 29, 2020

It-tobba qegħdin jistmaw li Karl se jdum madwar tliet xhur biex jirkupra, u se jqatta’ xahar l-isptar.

Il-ħbieb ta’ Karl qalu wkoll li hu ma jaf b’xejn, imma jixtiequ jgħinuh kif jistgħu.

Tista’ tgħin lil Karl Pace billi tagħmel donazzjoni hawnhekk.