Jinġabru l-flus għall-familja ta’ Ivor Maciejowski

Biex jiġu rappreżentati fil-qorti

Facebook

Il-familja ta’ Ivor Maciejowski, li nqatel flimkien mas-sieħeb tiegħu Christian Pandolfino x-xahar li għadda, qiegħda tiġbor il-flus għal rappreżentanza legali fil-qorti, wara li diġà nġabru xi flus għall-funeral tiegħu.

Huma ddeskrivaw lil Ivor bħala raġġ ta’ dawl, dejjem jitbissem u mimli enerġija. Qalu li minkejja l-ħajja qasira tiegħu, billi nqatel meta kellu biss 30 sena, irnexxielu jmiss lil ħafna nies bl-ispirtu sabiħ tiegħu u bil-ġenerożità tiegħu.

Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski nqatlu fid-dar tagħhom fi Triq Locker f’Tas-Sliema fit-18 t’Awwissu.

Id-dettalji inizjali fuq id-delitt
Qtil doppju f’Tas-Sliema: Identifikati l-vittmi

Ġew arrestati tliet irġiel b’rabta mal-każ: Daniel Muka li ġie arrestat nhar it-Tlieta 25 ta’ Awwissu waqt rejd fil-Furjana, Viktor Dragomanski, u Jesper Kristiansen. Kristiansen ħarab lejn Spanja wara d-delitt. Huwa nqabad mill-Pulizija Spanjola u għandu jitressaq quddiem il-Qorti Spanjola biex jiġi estradit lejn Malta.

Il-familja ta’ Ivor kellha tieħu ħsieb li l-katavru tiegħu jintbagħat lura l-Ingilterra, minn fejn hu propjament. Il-funeral tiegħu sar il-ġimgħa li għaddiet. Il-bqija tal-flus li jinġabru għandhom imorru għall-avukati li jirrappreżentaw lill-familja fil-qorti f’Malta, sabiex issir ġustizzja.

It-tir tal-familja hu li tiġbor £30,000. Il-flus li jifdal għandhom jingħataw lil karità li tagħżel il-familja.

Min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jagħfas hawn.