Jinġabru l-flus għal immigranti li spiċċaw bla saqaf fuq rashom

Monique Agius

L-immigranti li joqogħdu fiċ-ċentri miftuħin tal-Marsa u Ħal Far jitħallew joqogħdu hemmhekk għal sena, sakemm jiġu proċessati l-applikazzjonijiet tagħhom. Imbagħad, ikunu jridu jsibu post fejn joqogħdu għal rashom. Din is-sena, minħabba l-pandemija, għadd ta’ immigranti qegħdin isibuha aktar diffiċli biex jirnexxilhom isibu impjieg peress li d-domanda naqset u l-ekonomija ħadet pass aktar kajman. Għaldaqstant, qed issir ġabra ta’ donazzjonijiet sabiex jiġu megħjuna dawn il-persuni.

Il-ġabra qed issir b’inizjattiva ta’ Cross Cultural International Foundation (CCIF), li waqt l-eqqel tal-pandemija, bdiet titma’ l-familji li ġew affettwati. Apparti dan, it-tim ta’ din l-għaqda mhux governattiva qiegħed jieħu ikel u ilma lil 25 persuna li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-maġġoranza tagħhom hija mis-Sudan.

Uħud mill-persuni li kellhom jitilqu miċ-ċentri ta’ detenzjoni, peress li laħqet għaddiet sena minn mindu bdew joqogħdu hemm, spiċċaw jorqdu barra, fid-daħla tal-Belt Valletta, peress li m’għandhomx post fejn imorru u lanqas flus biex imantnu lilhom infushom.

CCIF Malta qed tappella lill-pubbliku biex jagħmel id-donazzjoni tiegħu, sabiex jgħinha tgħin lil dawn il-persuni sakemm l-awtoritajiet isibulhom soluzzjonijiet fit-tul. Għalissa, il-flus huma meħtieġa biex jipprovdulhom xelter temporanju, ikel, xogħol u anke għaliex uħud minnhom jeħtieġu s-servizz tal-counselling.

S’issa nġabru €899. Tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek minn hawn.