Jinġabru kważi miljun u nofs għal Dar Bjorn

Read in English.

Is-somma totali li nġabret għal Dar Bjorn fil-maratona ġbir ta’ fondi lbieraħ kważi laħqet il-miljun u nofs.

B’kollox inġabru €1,436,955. Il-miljun intlaħaq għall-ħabta tad-9pm, u għal din l-aħbar, Bjorn Formosa, il-fundatur ta’ ALS Malta, emozzjona ruħu.

GRAZZI!! Bl-għajnuna tagħkom nġabru €1,436,955! GRAZZI tad-donazzjoni tagħkom! 🙂 #DARBjorn #ALS #THANKYOU☎️ Call 5100…

Posted by Bjorn Formosa on Sunday, September 27, 2020

Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi saret sabiex tinfetaħ it-tieni Dar Bjorn għall-pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi. Il-maratona bdiet f’nofsinhar u baqgħet għaddejja sa nofsillejl.

Il-mument li ntlaħqu l-miljun ewro
Filmat: Jinġabru miljun ewro għal Dar Bjorn

L-ewwel Dar Bjorn, f’Ħal Qormi, ġiet inawgurata fl-2017 fuq inizjattiva ta’ Bjorn Formosa, li xtaq li jkun hemm faċilità residenzjali fejn pazjenti bl-ALS u kundizzjonijiet simili jkunu jistgħu jgħixu u jirċievu assistenza medika bla ħlas. Iżda din id-dar tista’ tospita biss 13-il pazjent, u l-lista ta’ stennija qabżet il-50 persuna.

Issa ALS Malta qed tippjana li tiftaħ faċilità akbar u aktar ġdida f’Ħaż-Żebbuġ, li tipprovdi aktar sodod speċjalizzati mqassmin fuq 7 sulari. L-ispiża biex titlesta u tinfetaħ id-dar tammonta għal €5 miljun, u s’issa inġabru aktar minn €3 miljun.