Jinġabru kważi €8,000 għall-karità f’irkant ta’ oġġetti minsija fuq l-ajruplani

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġabar is-somma ta’ €7,730 f’irkant għall-karità ta’ oġġetti li passiġġieri jinsew warajhom fl-ajruport jew fuq l-ajruplani.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta stqarr li s-seba’ edizzjoni tal-avveniment annwali, bl-isem Lost, Found & Auctioned, attira madwar 160 persuna, li setgħu jixtru kwalunkwe mid-90 oġġett li kienu qed jinbiegħu b’irkant l-Erbgħa li għadda.
Fost l-oġġetti għall-bejgħ kien hemm għadd ta’ mowbajls, nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta u arloġġi, li ġew irkantati mill-irkantatur Pierre Grech Pillow.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li l-iktar aġġeġġ li ġabar flus kien DJI Phantom drone li nbigħ għas-somma ta’ €750.
Kull sena, il-flus li jinġabru jingħataw lil organizzazzjonijiet tal-karità differenti, u din is-sena kien imiss lill-Ordni Sovrana ta' Malta biex tgawdi minn din l-attività, u tingħata għajnuna finanzjarja biex tkun tista’ tkompli tgħin lil istituzzjonijiet reliġjużi, djar tat-tfal u tax-xjuħ, u persuni morda, żvantaġġati, jew li għanhom diżabilità.