Jinġabru kważi €12,000 għall-familja ta’ Lassana Cisse

Ftit tal-jiem ilu, bdew jinġabru l-flus għall-familja ta’ Lassana Cisse Souleymane, raġel mill-Kosta tal-Avorju li nqatel f’Malta kiesaħ u biered f’April tal-2019, qtil li qed jitqies bħala wieħed ta’ mibegħda razzjali. S’issa, ħamest ijiem wara l-bidu tal-inizjattiva, inġabru €11,483.

Luke Frendo, ir-raġel wara din l-inizjattiva, spjega li ħass il-ħtieġa li jieħu l-inizjattiva peress li Lassana kien qiegħed f’Malta sabiex ikun jista’ jgħajjex lil familtu lura fil-Kosta tal-Avorju. Il-ħsieb wara din il-ġabra ta’ flus hija li jintbagħat messaġġ li l-att ta’ vjolenza razzjali li ħasad il-ħajja ta’ Lassana huwa inaċċettabbli u ma jirrappreżentax il-valuri tas-soċjetà Maltija.

Lassana Cisse Souleymane nqatel fis-6 t’April fi triqtu lejn iċ-Ċentru tal-Immigranti f’Ħal Far fejn kien joqgħod. Huwa kellu 42 sena. Żewġ eks suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil, għal raġunijiet razzjali. Huma akkużati wkoll li ppruvaw joqtlu żewġ irġiel oħra, mexjin fl-istess triq li kien fiha Lassana, f’hit and run. Dawn iż-żewġ immigranti rnexxielhom isalvaw. 

Scicluna u Fenech ingħataw il-ħelsien mill-arrest f’Diċembru li għadda, sakemm jibdew il-proċeduri kriminali kontrihom fil-qorti.

Frendo spjega li inizjalment, parti mill-fondi kellha tkun għal assistenza legali għall-familja tal-vittma, iżda l-Avukat Dr Joe Giglio offra li jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-familja mingħajr ħlas. B’hekk, il-flus kollha li jinġabru se jmorru għal familt Lassana Cisse.

Nhar it-Tnejn li għadda saret dimostrazzjoni fil-Belt Valletta sabiex issir ġustizzja ma’ Lassana Cisse. Din kienet imnebbħa mill-protesti kontra r-razziżmu li qegħdin isiru madwar id-dinja, wara li fil-25 ta’ Mejju, fl-Istati Uniti, George Floyd, raġel iswed, miet f’Minneapolis meta uffiċjal tal-pulizija dam tmien minuti u 46 sekonda jrażżnu billi jżomm irkopptu fuq għonq Floyd, anke wara li dan beda jgħid li ma jistax jieħu nifs. Persuni li nzertaw fit-triq ħadu filmat ta’ dak li kien qed jiġri, u qamet rabja kbira fost l-Amerikani għat-trattament tal-persuni suwed mill-Pulizija Amerikana.

L-erba’ uffiċjali tal-pulizija li żammew lil Floyd sakemm ħa l-aħħar nifs tiegħu ġew arrestati wara li saret pressjoni mis-soċjetà ċivili.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni, agħfas hawn.