Jinġabru fondi għal Quaden; 544 każ ta’ bullying f’sena f’Malta

Quaden Bayles

Dan l-aħħar fuq il-midja soċjali kien qed idur filmat ta’ tifel ta’ disa’ snin jibki minħabba li kien qed jiġi mgħajjar mit-tfal fl-iskola.

Quaden Bayles li għandu l-kundizzjoni tan-naniżmu kien qed jiġi mgħajjar fl-iskola. Omm it-tifel xerrdet filmat tat-tifel jibki li jixtieq imut jew joqtol lilu nnifsu minħabba t-tgħajjir li kien jirċievi konsistentament fuq il-kundizzjoni tiegħu. Fil-filmat l-omm tappella biex ikun hawn aktar tagħlim kif ukoll titkellem dwar l-effett li jħalli l-bullying.

Bosta kienu dawk f’Malta kif ukoll barra minn Malta li wrew solidarjetà mat-tifel kif ukoll qassmu l-filmat tiegħu bħala kundanna għal dak li kien qed isofri t-tifel.

Skont statistika li ħarġet fil-Parlament f’Settembru li għadda, fis-sena skolastika 2018 – 2019 f’Malta ġew irrapurtati 544 każi ta’ bullying ta’ studenti fuq studenti. Il-Ministru Evarist Bartolo kien spjega li f’każijiet ta’ ibbuljar bejn l-istudenti, in-National School Support Services (NSSS) fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-iskejjel konċernati ħadu l-miżuri meħtieġa skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni. Bartolo spjega li saru sessjonijiet kemm mal-vittma kif ukoll mal-aggressur.

Il-Guidance Teachers tal-Anti-Bullying Team żaru l-iskejjel kull fejn kienu rrapurtati każi bħal dawn biex jagħtu l-għajnuna skont il-proċeduri u l-miżuri stabbiliti. Din l-istatistika ħarġet fil-Parlament għall-mistoqsija parlamentari li d-Deputat Laburista Bryon Camilleri kien staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Evarist Bartolo.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici fuq facebook qal li dan it-tifel huwa vittma tal-bullying u dan il-filmat juri biċ-ċar il-kosegwenzi koroh li jħalli l-bullying. Il-Ministru qal li huwa fid-dover ta’ kulħadd li jiġġieled u jikkombati dan il-fenomenu iktarh u inuman. Spjega li f’Malta hawn servizz imsejjaħ ‘Is-servizz kontra l-ibbuljar’ li dan il-programm huwa intiż biex jappoġġja u jikkordina l-isforzi tal-iskejjel fi programme kontra l-bullying.

Bonnici spjega li skont l-istatistika miġbura għas-sena 2019 jirriżulta li dan is-servizz wettaq 231 sessjoni ta’ prevenzjoni, għamel total ta’ 1,971 intervjent fl-iskejjel ma’ student individwali u 2,379 intervjent ieħor mal-istudenti bħala klassi, ġenituri, għalliema u kapijiet ta’ skejjel.

Il-Kummidjant Brad Williams waqqaf fond fuq il-paġna GoFundMe sabiex it-tifel flimkien ma l-familja tiegħu jmorru Disneyland. Il-mira ta’ dan il-fond kienet ta’ €9,000 iżda nġabru madwar 30 darba aktar.

Fuq il-midja soċjali kienu diversi r-reazzjonijiet tan-nies għal dan il-filmat. Kien hemm persuni li qalu li t-tifel mhux vera għandu disa’ snin imma għandu 18-il sena. Skont intervista li saret ħames snin ilu, it-tifel kellu erba’ snin. Din l-intervista kienet saret bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-kundizzjoni tan-naniżmu.