Jinġabru €765 b’risq il-Lifecycle Challenge 2013

Ilbieraħ filgħaxija fil-Pjazza tal-Mellieħa ttellgħet serata b’risq l-inizjattiva Lifecycle 2013, li ġiet organizzata mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

F’din l-attività ħadu sehem diversi artisti lokali.

Wieħed mill-atleti li se jieħdu sehem fil-Lifecycle, Steve Mifsud irringrazzja lil Cutajar u lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex inġabret din is-somma.

Minn naħa tiegħu Robert Cutajar awgura lit-tim kollu tal-Lifecycle biex meta fil-jiem li ġejjin se jmorru għal din l-avventura fir-Russja, jilħqu l-iskop tagħhom meta se jkunu qed jiġbru flus b’risq dawk li jbatu mill-mard tal-kliewi.

Għal din l-attività kienu preżenti aktar minn 20 persuna li jiffurmaw parti mit-tim tal-Lifecycle 2013, kif ukoll numru ta’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-Mellieħa flimkien mal-Kappillan tal-Mellieħa Dun Joe Caruana.

Il-kontinġent kollu tal-Lifecycle se jħalli Malta għar-Russja aktar tard dan ix-xahar.